Mal-5,130 persuna oħra mistennijin jaraw titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ħajja tagħhom u saħansitra jitbiegħdu mill-faqar jew mir-riskju tiegħu b’riżultat tal-politika addottata mill-gvern Laburista.
Din il-figura toħroġ mill-Programm Nazzjonali ta’ Riforma li l-Gvern għadu kif ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Il-Programm jiġbor fih il-miżuri kollha li qed idaħħal il-Gvern biex jilħaq il-miri tal-istrateġija tiegħu, li hi bbażata fuq ħames pilastri ewlenin li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Dawn huma l-governanza, ambjent aħjar, infrastruttura aħjar, investiment fl-edukazzjoni, u tkabbir ekonomiku.
Minbarra li jelenka l-miżuri kollha li se jkunu qed jitwettqu, fosthom l-elf proposta tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien, ir-rapport iħares ukoll fid-dettall lejn l-impatt pożittiv li diġà qed ikollhom sensiela ta’ miżuri li ġew implimentati. Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li, mill-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ppreżentat mill-Gvern, toħroġ partikolarment il-politika soċjali qawwija tiegħu. Skont stimi tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, iż-żieda fiċ-Children’s Allowance se twassal għal tnaqqis ta’ 0.11 fil-mija fir-rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar. Fl-istess ħin, il-mekkaniżmu addizzjonali tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja, minħabba li hu aktar b’saħħtu għal familji bit-tfal, ukoll mistenni jwassal għal titjib sinifikanti. Tant hu hekk, li r-rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar mistennija tonqos b’0.74 fil-mija.
B’kollox, għalhekk, dawn iż-żewġ miżuri flimkien se jnaqqsu r-rata ta’ tfal b’riskju tal-faqar b’1.04 fil-mija. Dan ifisser li, fiż-żmien li ġej, madwar 865 tifel u tifla oħra mistennija jinħarġu minn sitwazzjoni vulnerabbli. Il-mekkaniżmu addizzjonali kien ta’ benefiċċju qawwi wkoll għal ħafna anzjani, tant li, skont il-Ministeru, ir-rata tal-anzjani f’riskju ta’ faqar mistennija tonqos bi kważi punt perċentwali. Dan ikun ifisser li, wara din il-miżura, kważi 915-il anzjan se jkollhom dħul ogħla mill-ammont li bih jitqiesu li mhumiex f’riskju tal-faqar.
Jekk wieħed iħares lejn il-popolazzjoni kollha, iż-żieda fiċ-Children’s Allowance u d-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja huma stmati li se jnaqqsu r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar b’0.66 fil-mija oħra. B’hekk madwar 3,350 persuna, li sas-sena li għaddiet kellhom dħul inqas minn 60 fil-mija tal-medja nazzjonali, issa se jkunu qed joħorġu minn sitwazzjoni fejn ikunu f’riskju ta’ faqar.
Fil-fatt, dawn iż-żewġ miżuri għollew id-dħul b’medja ta’ madwar €30 fix-xahar, li jfisser titjib fid-dħul ta’ kważi 5 fil-mija fis-sena għal dawk bl-inqas introjtu. Fl-istess ħin, skont l-istimi tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, il-politika adottata mill-Gvern biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli se twassal biex il-ġid nazzjonali din is-sena jkun 0.63 fil-mija aktar milli kien ikun kieku għolew il-prezzijiet, kif ġara barra minn xtutna.
Waqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma temminx f’dan is-sostenn u għadha tiddikjara li għandu jitwaqqaf, jirriżulta li l-effetti pożittivi ta’ din il-politika se jkomplu jiżdiedu fis-snin li ġejjin. Fil-fatt, sal-2025 il-ġid nazzjonali se jkun 0.9 fil-mija aktar milli kieku l-Gvern ma pprovdiex tali sostenn. Dan minħabba li n-negozji se jkunu jistgħu jkomplu jinvestu.
Hu stmat li, mingħajr dan l-appoġġ, kieku l-investimenti kienu jonqsu bi kważi 7 fil-mija, waqt li l-familji kienu jnaqqsu l-konsum tagħhom bi kważi 5 fil-mija. Minbarra hekk, ir-rata tal-inflazzjoni kienet tkun 5.2 fil-mija ogħla, li jkun ifisser għoli tal-ħajja ta’ iżjed minn 12 fil-mija minflok fl-inqas livelli Ewropej, kif jinsab bħalissa. Daqqa bħal din kienet twassal għal żieda notevoli fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar, kif għadhom jesperjenzaw għadd ta’ stati membri oħrajn fl-UE.