Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’ huma ġabra ta’ tliet ħrejjef li ppubblika Ġużè Ellul Mercer fuq il-ġurnal “Il Ħmar” u issa ġie ippubblikat mill-SKS.
Dawn il-ħrejjef, kienu fost l-ewwel kitbiet letterarji ta’ Ellul Mercer u li ħarġu bejn Ottubru u Diċembru tal-elf disa’ mija tmienja u għoxrin.
F’dawn il-ħrejjef jissemma xitan żgħir ħafna, ma fihx minn xiex tibża’, anzi jġiblek ħniena u mhux giddieb.
Ftit jiem wara li ħarġu dawn il-ħrejjef, il-Kurja kkundannat dawn il-ħrejjef u ddikjarat li huwa dnub mejjet li wieħed jistampa, ibigħ, jaqra u jżomm għandu l-ġurnal “Il Ħmar”.
ONE News tkellem ma’ Joe Borg mid-dar tal-pubblikazzjonijiet SKS, li kellimna dwar ħajjet Ellul Mercer.
Huwa qal “Eventwalment daħal fil-Partit Laburista, kien membru parlamentari fis-sittinijiet u hu wkoll kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. U meta miet f’Settembru tal-1961 ġie ppersegwitat anki f’mewtu, għaliex difnuh fil-miżbla.”
Dan il-ktieb se jkun għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba għall-prezz ta’ ħmistax-il ewro u fl-attività tal-ewwel ta’ Mejju tal-Partit Laburista, se jinbiegħ bi prezz ta’ għaxar ewro.