Ħdax-il għaqda volontarja u żewġ kunsilli lokali ibbenefikaw minn fondi Ewropej biex iwettqu proġetti fil-komunitajiet lokali.
Dan permezz tal-Programm LEADER.
L-għan prinċipali ta’ dawn il-proġetti huwa li tingħata aktar importanza lill-identità rurali u kulturali tax-Xlokk ta’ Malta u jiġu pprovduti opportunitajiet sabiex titjib il-kwalità tal-ħajja.
Fost il-proġetti li se jwettqu hemm proġetti ta’ restawr, xiri t’instrumenti tal-mużika, apparat edukattiv sabiex jintuża mill-għaqdiet għat-tfal u ż-żgħażagħ, rinnovar ta’ swali, u kif ukoll investimenti innovattivi fit-teknoloġija sabiex tingħata aktar promozzjoni lil-lokalitajiet.
Il-President tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Birżebbuġa, Alexander Caruana spjega li dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw biex ikomplu jinvestu fil-komunitajiet lokali, fit-tradizzjonijiet ta’pajjiżna u jsaħħu l-element kulturali f’pajjiżna.
“Aħna s-soċjetà tagħna issa ilha tibbenefika minn dawn il-fondi u permezz tagħhom wettaqna ħafna proġetti kemm fil-każin u anke permezz ta’ strummenti.”
Matul l-aħħar ħames snin, il-GAL Xlokk amministra s-somma ta’ ftit aktar minn €2.2 miljun ta’ fondi Ewropej taħt il-programm ta’ żvilupp rurali. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed joħroġ skemi oħrajn sabiex ikunu jistgħu jitgawdew fil-komunità.
Il-Manager ta’ Fondazzjoni GAL Xlokk Terence Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon li fl-aħħar snin raw aktar kunsilli lokali, għaqdiet volontarji u individwi jibbenefikaw mill-programm LEADER, bl-interess f’dan il-programm qed dejjem jikber.
Qal li l-Fondazzjoni qed tħares lejn konsultazzjoni pubblika fix-xhur li ġejjin sabiex jinħarġu miżuri varji tal-programm LEADER li huwa parti mill-istrateġija ta’ żvilupp lokali taħt il-Pjan Strateġiku ta’ Politika Agrikola Komuni għas-snin li ġej.
“Bħala programm huwa wieħed innovativ u differenti mill-oħrajn fejn wara konsultazzjoni pubblika, jinħarġu miżuri li huma abbażi ta’ dak li rridu nies. Dan il-programm huwa suċċess għaliex huwa dak li jixtiequ nies fil-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett tkellem dwar l-importanza ta’ dawn il-fondi li se jwasslu għal iktar investiment fis-settur kulturali u soċjali.
“Dawn huma l-fondi li jmorru dirett fil-komunità. Dejjem għadna kemm huwa importanti li l-fondi Ewropej jintużaw mhux biss fi proġetti l-kbar imma anke fil-lokalitajiet tagħna. Qassamna kuntratti ta’ xogħlijiet li se jsiru fil-kommunitajiet tagħna. Żewġ Kunsilli Lokali u anke numru sabiħ ta’ NGO’s li se jkunu qed iwasslu għal kwalità aħjar fil-komunitajiet tagħna.”