Tliet żgħażagħ, żewġt irġiel u tfajla li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti u li l-etá tagħhom tvarja bejn l-għoxrin u l-ħamsa u għoxrin sena tressqu quddiem il-Qorti separatament iżda ġew mixlija b’akkużi relatati ma’ droga.
Huma ġew arrestati wara li diversi skwadri mill-Korp tal-Pulizija wettqu rejds separati f’Ħaż-Żabbar u Bormla.
Żagħżugħ minnhom ta’ għoxrin sena, li fil-Qorti wieġeb mhux ħati, ġie akkużat li traffika u kellu fil-pussess tiegħu raża tal-kannabis u l-pjanta tal-kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu filwaqt li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina.
L-ispettur Marshal Mallia spjega li f’dan il-każ, esegwixxew mandat ta’ tfittxija fuq ir-residenza taż-żagħżugħ fuq suspett ta’ traffikar. Hemmhekk sabu tlettax -il pjanta tal-kannabis, miżien diġitali u kien hemm 440 gramma ta’ kannabis grass, 8 grammi ta’ reżina tal-kannabis u 8 grammi ta’ droga kokaina.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono u Francesca Zarb talbu għall-ħelsien mill-arrest fejn stqarr li l-fedina penali tal-akkużat hija nadifa tazza u qal li f’din l-investigazzjoni, l-imputat ikkopera.
F’dan il-każ il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Charmaine Galea ordnat l-iffriżar tal-assi tal-imputat u laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjoni u fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
F’każ separat, iż-żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ pussess tal-pjanta tal-kannabis u li kiser kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża u għaldaqstant sar riċdediv.
Fil-Qorti ntqal li saret tfittxija fil-kamra tiegħu fejn instabet borża mdaqqsa li fiha kien hemm tmenin gramma ta’ kannabis grass.
L-avukat Jacob Magri għamel talba sabiex jinħatar espert mediku sabiex jiġi stabbilit jekk waqt li kien qed jagħti stqarrija lill-pulizija kienx taħt l-effett ta’ xi sustanzi. Il-prosekuzzjoni sostniet li l-imputat ma jidhirx li ma kienx f’sensieh waqt li kien qed jagħti l-istqarrija tiegħu u qal li l-akkużat ma tax stqarrijiet inkriminanti. Il-Qorti rreferiet din it-talba lill-Maġistrat inkwerenti fid-dawl tal-fatt li dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali.
Intant fir-rigward ta’ oħtu ta’ għoxrin sena, hi ġiet akkużata li kellha fil-pussess tagħha l-mediċina psikotropika u ristretta tal-MDMA.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li fil-gwardarobba fil-kamra tagħha, b’mod partikolari, ġewwa ġakketta nstabu mitt gramma ta’ MDMA li kienu f’għaxar kapsoli.
L-imputata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha u d-difiża għamlet talbet għall-ħelsien mill-arrest u minħabba n-natura tar-reat, li s-sustanza nstabet f’ċirkostanza li mhijiex għall-użu personali, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba.
Fir-rigward tal-aħwa, il-Qorti tathom il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet. Fil-każ taż-żagħżugħ iridu jiġu depożitati €3,000 u għandu garanzija personali ta’ €20,000 u oħtu se jkollha tiddepożita €3,000 u għandha garanzija personali €20,000.