Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ikkonferma li l-ġimgħa d-dieħla se jkomplu l-laqgħat bejn l-MUMN u l-Gvern fuq il-ftehim settorjali ġdid għall-infermiera u l-qwiebel.
Dan waqt il-programm tal-analiżi tal-gazzetti Paperscan, aktar kmieni llum.
Il-ftehim settorjali kif propost fih żieda konsiderevoli fid-dħul tal-infermiera. Fil-fatt, huwa stmat li, mill-inqas, infermier jara żieda ta’ €6,000 fis-sena sa tmiem il-perjodu tal-ftehim kollettiv.
Proposti oħra ppreżentati mill-Gvern huma ż-żieda fin-nursing premiums, żieda fil-Continous Professional Development Allowance, u l-istess fil-Managment and Training Allowance u l-Fixed Allowance, fost oħrajn.
Intant, l-Gvern insista f’diversi okkażjonijiet li l-Unjin tpoġġi għal proċess ta’ konċiljazzjoni, xi ħaġa li l-President tal-MUMN Pawlu Pace baqa’ ma aċċettax.
Id-Deputat Prim Ministru awgura li fi żmien qasir ikun hemm qbil.
“Jiena llum nista’ nikkonferma li nhar it-Tlieta ta’ din il-ġimgħa ser ikomplu l-laqgħat. Jiġifieri l-laqgħat fil-ġranet li ġejjin bejn il-Gvern u l-MUMN se jkomplu għaddejjin biex b’hekk jiena nawgura li fi żmien qasir u mingħajr ma nerġgħu jkun hemm bżonn azzjonijiet li jmissu l-pazjenti naslu fi ftehim li jkun tajjeb għall-Gvern, tajjeb għall-management, ikun tajjeb għall-unjin, ikun tajjeb għall-infermiera u l-qwiebel imma fuq kollox ikun tajjeb għall-pazjent. Dak kollu li nagħmlu nagħmluh għall-pazjenti tagħna.”