Quddiem id-diversi sfidi li jaffaċċja s-settur agrikolu, Gvern Laburista dejjem kien ta’ spalla għall-ħaddiema f’dan is-settur.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt żjara li għamlu Deputati tal-Partit Labursita fil-Farmers Market f’Ta Qali.
Waqt din iż-żjara, diversi persuni tkellmu mad-Deputati Laburisti dwar id-diversi skemi u inizjattivi li saru f’dawn l-aħħar għaxar snin li taw spinta ’l quddiem lis-settur agrikolu.
Fost dawn kien hemm ir-riforma tal-qbiela, li se tagħti serħan il-moħħ lil 7,500 bidwi li jaħdmu r-raba’ tal-privat bil-qbiela.
Riforma oħra li qed tagħti s-serħan il-moħħ lil bdiewa u raħħala kienet l-għajnuna diretta li l-Gvern qed jagħti bil-għan li jittaffew l-effetti taż-żieda fil-prezz tal-għalf.
Id-Deputat Laburista Michael Farrugia spjega li l-ħemel ta’ miżuri li wettaq Gvern Laburista f’dawn l-aħħar għaxar snin juru kif dan il-Gvern se jibqa’ ta’ spalla għal dawk kollha involti f’dan is-settur.
Qal, “Is-Settur tal-agrikoltura li huwa s-sors importanti ta’ projezzjoni tal-ikel li eventwalment jista’ jgawdi minnu l-poplu Malti u Għawdxi. Komplejna nżidu l-ftuħ tal-Farmers Market f’Ta Qali u issa wkoll fil-Birgu, fejn qed jagħti lill-Maltin u Għawdxi opportunità biex jixtru prodotti ġenwini u lokali.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Ray Abela appella sabiex, fl-Ewwel ta’ Mejju, kulħadd jilqa’ l-istedina tal-Partit Laburista u jingħaqad fil-Belt Valletta.
Qal, “Kemm huwa importanti li nhar l-ewwel ta’ Mejju tiġu l-Belt Valletta u tagħtu sapport lil Gvern Laburista għal dak kollhu li qed jagħmel għal familji Maltin u Għawdxin.”