Rapport maħruġ minn The Malta Property Market juri l-benefiċċji meta wieħed jagħżel li jinvesti fi proprjetà ambjentalment sostenibbli.
Ir-rapport jgħid li ġie kkalkulat li meta wieħed jinvesti f’appartament ta’ €200,000 li jkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inaqqas in-nefqa fuq l-enerġija, u li għalih tkun tapplika skema favorevoli ta’ self għal investimenti favur l-ambjent, jista’ jikseb benefiċċji finanznarji ta’ madwar €43,700 fuq perjodu ta’ 30 sena. Minn dawn, 44 fil-mija jinkisbu fl-ewwel ħames snin.
Dak li nstab fl-istudju ġie ppreżentat mill-konsulent tal-kumpanija Grand Thornton, Daniel Gravino, waqt attività li saret din il-ġimgħa u li għaliha kien preżenti, fost l-oħrajn, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru enfasizza fuq l-importanza li nikkumbattu t-tibdil fil-klima fosthom billi jkomplu jsiru investimenti biex il-binjiet ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Huwa importanti wkoll li l-konsumatur ikompli jiġi edukat fuq il-benefiċċji tas-sostenibbiltà ambjentali fil-binjiet tagħna.