F’partita li ntlagħbet fil-Gozo Stadium, Hibernians għelbu lil Floriana bl-iskor kbir ta’ 5-2, biex żammew it-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa ħajjin. Dan hekk kif jittamaw li Mosta ma jirbħux l-IZIBET FA Trophy, biex imbagħad jisfurzaw decider kontra Balzan.
Hibernians fetħu l-iskor fid-disa’ minuta meta wara li rċieva minn freekick ta’ Gabriel Izquier Artiles, Yunusa Owolabi Muritala, b’daqqa ta’ ras serva lil FERDINANDO APAP li b’daqqa ta’ ras oħra minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Man-nofsiegħa logħob, il-Pawlisti rduppjaw l-iskor meta minn azzjoni oħra ta’ freekick mogħti minn Gabriel Izquier Artiles, il-goalkeeper ta’ Floriana, Duncan Formosa, kellu ħarġa erratika, li minnha approfitta FERDINANDO APAP, li permezz ta’ daqqa ta’ ras oħra tefa’ l-ballun fix-xibka, biex b’hekk irreġiistra doppjetta personali.
Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, Floriana naqqsu l-marġni tal-iskor meta freekick mill-isbaħ ta’ JAN BUSUTTIL ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone.
Fil-50 minuta Hibernians għamluhom tlieta permezz ta’ JAKE GRECH li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu jintemm fir-rokna tax-xibka. Dan sabiex proprju sitt minuti biss wara, l-istess JAKE GRECH skorja r-raba’ goal għall-Pawlisti, f’azzjoni kważi foto-kopja għall-goal preċedenti, biex b’hekk bħal Ferdinando Apap, irreġistra doppjetta personali.
Floriana naqqsu l-marġni tal-iskor fil-85 mnata meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner is-sostitut CARLO ZAMMIT LONARDELI għola fuq kulħadd u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Iżda kellhom ikunu Hibernians li jerġgħu jiftħdu vantaġġ ta’ tliet goals u jissiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fis-87 minuta, meta wara li rċieva minn cross, is-sostitut MATTHEW ELLUL li kien ilu biss seba’ minati fil-ground, permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Referee: Andrea Sciriha