Il-kuntatt kontinwu tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, man-nies issokta llejla meta ltaqa’ mal-veterani tal-Partit Laburista.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-Veterani Laburisti li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, huwa kellu diskussjoni ma’ dawk preżenti dwar diversi temi. Huwa rringrazzja lill-membri kollha ta’ din il-fergħa tal-partit għall-kontribut kontinwu tagħhom. Fakkar fil-bidliet kbar li saru tul is-snin grazzi għal-ħidma sfiqa ta’ missirijietna u ommijietna.
Fil-Laqgħa Ġenerali, li saret fis-sena meta l-veterani Laburisti jiċċelebraw l-35 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, reġa’ nħatar bħala President Dr Anthony Degiovanni.
Il-membri preżenti sellmu l-memorja ta’ Josephine Mahoney, li kienet tagħti kontribut kbir fi ħdan il-Partit Laburista,inkluż bil-programmi tagħha fuq One Radio.
Għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, il-Membru Parlamentari Ewropew, Cyrus Engerer, il-Membru Parlamentari Katya Degiovanni, u l-ex Ministru Joe Debono Grech.