Il-Gvern ħabbar it-tnedija tal-linja nazzjonali ta’ sapport għall-vittmi ta’ kriminalità.
In-numru ta’ din il-linja nazzjonali huwa 116 006.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ u li kienet indirizzata mill-Ministru ghall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Ligi, Byron Camilleri.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif persuna li tagħżel tagħmel użu minn din il-linja tista’ titkellem u tiftaħ qalbha anke b’mod kunfidenzjali.
Din il-linja nazzjonali se sservi wkoll ta’ gwida għal diversi servizzi mhux biss mill-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi tal-Kriminalità iżda anke minn entitajiet oħrajn, kemm tal-istat u minn għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-Ispettur Sylvana Gafà li hija responsabbli mis-servizzi fi ħdan l-aġenzija.
“Persuni li huma vittmi tal-kriminalità ser ikunu jistgħu jċemplu fuq dan is-support line u aħna niggwidawhom skond il-bżonnijiet tagħhom f’dak iż-żmien partikolari. Jiġifieri ħa ninfurmawhom bid-drittjiet tagħhom bħala vittmi, se ninfurmawhom ukoll bis-servizzi li hemm għalihom bħala aġenzija li huma sapport emozzjonali, follow up u informazzjoni fuq ir-rapporti u anke legal advice.”
Gafà sostniet ukoll kif dawk li jagħmlu użu minn din il-linja se jkunu anke riferuti barra mill-aġenzija għal aktar għajnuna, fejn hemm bżonn.
“Dan is servizz se jkun miftuħ bejn 07:30 sa 19:30 mit-Tnejn sal-Ħadd u se jibda jopera mill-ewwel ta’ Mejju. Dan is-servizz se jkompli jiġi estiż anke fiż-żmien li ġej.”
Fid-diskors tiegħu fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Byron Camilleri sostna l-importanza ta’ dan is-servizz li se jkompli jkun ta’ spalla għall-vittmi tal-kriminalità f’pajjiżna.
Huwa sostna wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ dawn it-tip ta’ servizzi.
“Naħseb waħda mill-aktar affarijiet importanti li għamilna fil-Ministeru tal-Intern f’dan l-aħħar żmien naħseb kien dan is-shift li mhux biss niffukaw fuq il-kriminalità u min jagħmel il-kriminalità iżda wkoll li nagħmlu shift li nagħtu importanza u diversi servizzi lill-vittmi.”