Hekk kif qed ikompli joqrob Jum il-Ħaddiem, l-amministrazzjoni u Deputati tal-Partit Laburista komplew jiltaqgħu ma’ negozji differenti minn setturi differenti. Iż-żjara tal-lum kienet f’lukanda ewlenija fiċ-Ċirkewwa fejn setgħu jsegwu mill-qrib l-andament turistiku u l-frott ta’ diversi skemi li qed igawdu minnhom in-negozji f’pajjiżna.
Flimkien ma’ diriġenti tal-lukanda, li llum il-ġurnata tħaddem magħha madwar mija u tletin ħaddiem, id-delegazzjoni tal-Partit Laburista setgħet tara wkoll l-investiment li qiegħed isir fis-settur privat fil-qasam tal-ospitalità f’pajjiżna.
Fil-fatt, apparti l-manutenzjoni u t-tisbiħ regolari li għamlet fil-passat riċenti, din il-lukanda investiet ukoll fuq proġetti ta’ sostenibbiltà fosthom l-installar ta’ ’l fuq minn mitt pannella fotovoltajka.
Id-Deputat Laburista Naomi Cachia ma’ dan l-istazzjon enfasizzat kif din iż-żjara hija eżempju ċar ieħor tar-reżiljenza ekonomika f’pajjiżna.
“Reżiljenza mhux biss minħabba l-attitudni ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema, illi baqgħu jaġġornaw matul iż-żmien minkejja bosta sfidi li kellhom jaffaċċjaw, però huma reżiljenti ukoll minħabba l-għajnuniet illi jkollhom minn żmien għall-ieħor min-naħa tal-Gvern, mhux biss għajnuna fir-rigward tal-enerġija, biex nagħti eżempju wieħed, però anki skemi oħrajn differenti li jgħinuhom ikunu iktar kompettivi u attraenti mhux biss għat-turisti imma anki għall-Maltin stess li jiġu jżuru din il-lukanda.”
L-attivitajiet tal-Partit Laburista għal Jum il-Ħaddiem jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn, l-Ewwel ta’ Mejju, b’attività kbira għall-familja kollha fil-Belt Valletta.