Ġuvni ta’ 18-il sena li jgħix Ħal Qormi weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-Imqabba.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar fi Triq Ħal Kirkop.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Tercel, misjuqa mill-ġuvni u Peugeot Expert, misjuq minn raġel ta’ 42 sena residenti l-Imsida.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lill-ġuvni l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.