Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, is-sħab soċjali ddiskutew l-abbozz ta’ Avviż Legali li se jiġi introdott għall-ewwel darba f’Malta biex dawk li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini jkunu obbligati bil-liġi li jkollhom liċenzja.
Bħalissa l-Gvern għaddej bi proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ dwar dan it-tibdil propost, li qanqal interess kbir. Il-proċess jiġi fi tmiemu għada, il-Ġimgħa.
Il-Gvern qed jixpruna din il-bidla sabiex tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni għas-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li jkun hemm kwalità ogħla ta’ xogħlijiet u aktar infurzar.
B’din il-liċenzja, min irid jaħdem f’dawn l-oqsma jrid jidentifika ruħu mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u b’riżultat ta’ dan min għandu liċenzja biss ikun jista’ jwettaq dan it-tip ta’ xogħol.
Ir-regolamentazzjoni proposta tara wkoll li jiġu stabbiliti kriterji li wieħed irid ikollu biex jikseb liċenzja, jiġu definiti aħjar ir-responsabbiltajiet tal-kuntrattur, filwaqt li jissaħħu l-mezzi tal-infurzar fil-konfront tal-kuntratturi liċenzjati.