L-Ambaxxatriċi tal-Litwanja għal Malta, Dalia Kreivienė, ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha, lill-President George Vella, fil-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta.
Waqt it-taħditiet, il-President Vella qal li Malta u l-Litwanja għandhom relazzjonijiet sodi ħafna, anki fil-qafas tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Pajjiżna jinsab ħerqan li jkompli jsaħħaħ dawn ir-rabtiet sodi billi jesplora oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bħall-kummerċ, it-teknoloġija u l-farmaċewtika.
Il-President Vella, esprima wkoll it-tama li nerġgħu lura għaċ-ċifri promettenti tat-turiżmu ta’ qabel il-Covid.
Iż-żewġ partijiet iddiskutew fit-tul is-sitwazzjoni tal-gwerra Russa fl-Ukrajna u l-effetti devastanti tagħha. L-Ambaxxatriċi tat ħarsa dettaljata lejn l-appoġġ li ngħata lill-Ukrajna mil-Litwanja, u żiedet li l-pajjiżi Baltiċi qegħdin iħossuhom esposti ħafna għall-instabbiltà li għadha qed toħloq l-invażjoni.
L-iżviluppi fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea kienu wkoll parti mit-taħditiet li matulhom il-President Vella u l-Ambaxxatriċi Kreivienė qablu li filwaqt li l-gwerra fl-Ukrajna teħtieġ attenzjoni kompleta, l-iżviluppi inkwetanti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani ma jistgħux jiġu sottovalutati fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-Ewropa nnifisha.
Ritratti: OPR