Matul id-dibattitu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, dwar il-ħtieġa għal solidarjetà Ewropea biex jiġu salvati l-ħajjiet fil-Mediterran, il-MPE Alex Agius Saliba talab lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni reali u jimplimentaw fil-prattika l-Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE li jitkellem dwar is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
“It-telf ta’ ħajjiet fil-Baħar Mediterran ilu għaddej għal ħafna snin u għad m’għandniex mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorju effettiv u li jiffunzjona dwar il-migrazzjoni! Għajjejt nisma’ diskorsi sbieħ fil-Parlament u fil-Kunsill kull darba li sseħħ xi traġedja fl-ibħra tagħna, iżda mbagħad ma tittieħed l-ebda azzjoni reali u tanġibbli biex il-kliem jitqiegħed fil-prattika u tiġi pprovduta s-soluzzjoni għall-Istati Membri li jinsabu fil-fruntiera u jaffaċċjaw din il-problema.”
L-MPE Alex Agius Saliba
Il-mod kif isiru l-affarijiet, b’rabta mal-Patt dwar il-Migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq is-solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni, solidarjetà maċ-ċittadini tagħna u solidarjetà bejn l-Istati Membri li joffru protezzjoni.
Agius Saliba qal li meta n-nies f’diffikultà jiġu salvati fuq il-baħar jew meta l-Istati Membri jiffaċċjaw pressjoni mhux sostenibbli, għandna s-soluzzjonijiet biex ir-responsabbiltà tinqasam b’mod ġust bejn l-Istati Membri kollha.
“Irridu niġġieldu għal ftehim ibbażat fuq is-solidarjetà kemm lejn dawk li qed ifittxu protezzjoni u kif ukoll bejn l-Istati Membri, sabiex id-dritt individwali għall-ażil ikun protett u sabiex kull Stat Membru jieħu s-sehem ġust tar-responsabbiltà tiegħu.”
L-MPE Alex Agius Saliba
Hu żied jgħid li d-dikjarazzjoni konġunta bejn erba’ Stati Membri, jiġifieri l-Ġermanja, Franza, l-Italja u Malta, kienet l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà prevedibbli, iżda bi ftit pajjiżi biss responsabbli għall-maġġoranza tal-wasliet, l-istatus quo la huwa ġust u lanqas sostenibbli.