Raġel ta’ 46-il sena tilef l-appell mis-sentenza li ngħata wara li nstab ħati li uża kliem razzist fil-konfront tal-Lhud. Huwa kien akkużat ukoll li għamel użu mhux xieraq minn apparat tal-komunikazzjoni.
L-imputat, Jean-Pierre Sammut, kien mixli li fit-18 ta’ Marzu uża kliem jew imġiba ta’ theddid jew insolenti bil-ħsieb li jqanqal mibegħda jew vjolenza razzjali jew reliġjuża kontra xi persuna jew grupp ta’ persuni fuq il-bażi tal-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, jew l-opinjoni pubblika.
Skont Sammut, huwa appella s-sentenza għax il-kummenti tiegħu ma kinux intenzjonati li joħolqu mibgħeda, iżda diskussjoni. Huwa kompla jgħid li l-kummenti tiegħu kienu indirrizat għall-mafja Lhudija.
Il-Qorti konfermat is-sentenza li ngħatat fit-22 ta’ Novembru 2021 u kkundannatu 6 xhur ħabs sospiżi, iżda neħħietlu l-multa ta’ €3,000.
Għall-imputat deher l-avukat Ishmael Psaila.