Joseph Cortis ta’ 79 sena minn Ħad-Dingli ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil involontarju ta’ Marie Claire Lombardi f’Ottubru li għadda fi Triq l-Imdina, ir-Rabat.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-akkużat wieġeb li mhux ħati.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Cortis ilu arrestat minn Diċembu li għadda u kien jinsab barra b’kundizzjonijiet mill-Qorti. Minn hawnhekk dejjem ikkopera mal-Pulizija.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat ikkunsidrat l-età tal-imputat u ordnat il-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €50,000. Barra minn hekk, irid jiffirma fl-għassa tar-Rabat tliet darbiet fil-ġimgħa.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija dakhinar kien irriżulta li t-traġedja seħħet wara li kannestru mimli żebbuġ waqa’ fit-triq minn fuq vettura, u bl-ammont ta’ karozzi li għaddew minn hemm, dan tgħaffeġ. X’ħin il-vittma kienet qed iddawwar, il-mutur ħadha u ħabtet bis-saħħa fil-bankina.
Il-Pulizija kienet appellat lill-pubbliku sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet u jagħti kull informazzjoni fuq min seta’ ħalla materjal li jiżloq fi triq li seta’ wassal għall-mewt tal-mara.
Żewġha, Aldo Lombardi, li kien preżenti wkoll fl-Awla, qal li l-ġustizzja qed issir, filwaqt li rringrazzja lill-awtoritajiet. Huwa qal li b’rizultat ta’ sehem il-Maġistrat inkwirenti, il-Pulizija, l-esperti tal-Qorti, u anke x-xhieda, issa jista’ jibda l-proċess biex jagħlaq dan il-kapitlu ta’ ħajtu.