L-Avukat Ġenerali appellat minn sentenza li tat il-Qorti x-xahar li għadda, li biha ħelset lil xufier ta’ trakk tas-siment mir-responsabbiltà tal-mewt ta’ mara ta’ 26 sena li kienet sejra għax-xogħol bil-mutur fin-Naxxar.
Il-każ seħħ fil-5 ta’ Jannar tal-2016. Carmel Cauchi, li dak iż-żmien kellu 53 sena, kien għaddej bit-trakk meta tajjar lil Johanna Boni fi Triq tal-Labour. Huwa kien ġie mixli wkoll li għamel ħsara lill-mutur u li saq bi traskuraġni.
Il-Qorti, madankollu, ma sabitu ħati tal-ebda akkuża. Il-Qorti qatgħetha li kienet il-mara li ssugrat meta wettqet manuvra perikoluża biex taqbeż lit-trakk, li kien ħiereġ b’veloċità baxxa, minflok stenniet mument tajjeb biex taqbżu. B’riżultat ta’ dan, hija nqabdet minn waħda mir-roti tat-trakk u baqgħet titkaxkar. Il-Qorti kkonkludiet li l-azzjoni mgħaġġla tas-sewwieqa tal-mutur ma tatx ħin lix-xufier tat-trakk biex jirreaġixxi.
L-Avukat Ġenerali qed targumenta li l-Maġistrat ma interpretatx b’mod korrett l-evidenza li nġabret waqt il-kumpilazzjoni tal-provi, li tipprova li Cauchi ma setax jiġi eżonerat għal kollox.
Ritratt: Malta Today