Martin Farrugia ta’ 45 sena mir-Rabat li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni u Henriette Cassar ta’ 49 sena li tgħix Ħaż-Żebbuġ u li għażlet li ma tweġibx għall-mistoqsija ta’ x’taħdem, inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati fost l-oħrajn b’reati relatati ma’ ħasil ta’ flus u irregolaritajiet b’rabta ma’ ħlas ta’ taxxi.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, l-Ispettur Prosekutur Joseph Scerri spjega kif fl-2021 id-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji irċieva rapport mid-Dipartiment tal-VAT li l-akkużat Martin Farrugia qed jevadi l-VAT. Saħaq kif meta bdiet l-investigazzjoni rat li hemm diskrepanzi f’dak li qed jiddikjara Martin ma’ dak li kien jaqla’. Fil-fatt sabu li kien hemm allegat frodi ta’ €4.2 miljun fuq VAT.
L-investigazzjoni irriżultaw li matul dan il-perjodu ġew iddepożitati fil-bankarju tiegħu €960,000.
Dwar Henriette, li dehret emozzjonata u talbet tazza ilma għax ħassitha ma tiflaħx, il-Prosekutur saħaq li matul l-aħħar tliet snin fil-kontijiet bankarji tagħha daħal profitt ta’ mija u ħamsin elf ewro iżda ma kienx hemm dikjarazzjoni tagħhom. Spjega wkoll li hi kienet il-persuna li tagħmel il-karti manwali tal-VAT tal-klijenti.
Il-Qorti ordnat l-iffirżar tal-assi taż-żewġ imputati.
Aktar qabel rapporti fuq il-midja qalu li flimkien maż-żewġ akkużati li tressqu l-Erbgħa filgħaxija, ġew arrestati tliet persuni oħra bħala parti minn investigazzjoni li saret dwar evażjoni tat-taxxa li tammonta għal €62 miljun.
L-akkużati ġew arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Finanzjarji.