L-iżvilupp ta’ tradizzjoni marbuta mar-rit tal-funeral f’pajjiżna, u minjiera ta’ informazzjoni fuq eluf ta’ individwi li għexu Malta, huma riflessi f’għotja ta’ kollezzjoni vasta ta’ santi tal-mejtin li s-Sur Alfred Calleja ppreżenta lil Heritage Malta.
Il-preżentazzjoni saret fil-Palazz tal-Inkwiżitur u Mużew Nazzjonali tal-Etnografija mis-Sur Calleja lill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Kenneth Gambin, fil-preżenza tal-kuratur anzjan, is-Sur Kenneth Cassar.
Il-kollezzjoni tas-Sur Calleja tammonta għal eluf ta’ santi tal-mejtin u fosthom jispikkaw personaġġi minn sferi differenti tal-ħajja, uħud minnhom individwi prominenti li kellhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-istorja ta’ pajjiżna, fosthom politikanti, sportivi, reliġjużi, artisti u oħrajn. Dawn sabu ruħhom fl-istess kollezzjoni ma’ nies aktar sempliċi imma xorta waħda importanti bħal għalliema, sajjieda, bdiewa u xufiera tal-linja. Uħud minnhom ifakkruna wkoll f’vittmi tal-gwerra jew ta’ traġedji kbar.
Din il-ġabra ta’ santi hi l-frott ta’ 35 sena ta’ kollezzjoniżmu min-naħa ta’ Alfred Calleja li beda jġemma wara li ddispjaċih meta lemaħ santa mormija. Din il-kollezzjoni tvarja minn eżempji tal-aħħar tas-seklu 19 għal dawk aktar reċenti u permezz tagħha mhux biss naraw l-iżvilupp ta’ din it-tradizzjoni, iżda jirnexxilna nisiltu wkoll ħafna tagħrif ta’ natura etnografika bħal passatempi, l-impjiegi, id-dehra u anke l-ilbies ta’ diversi Maltin matul is-snin.
Is-Sur Gambin irringrazzja lis-Sur Calleja għall-għotja tiegħu għax inizjattivi bħal dawn isaħħu l-kollezzjoni nazzjonali u jaċċertaw li l-patrimonju li sawwar l-identità tagħna ma jintilifx u jibqa’ jitgawda mill-pubbliku. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta nkoraġġixxa u appella lil persuni oħrajn u entitajiet biex isegwu din it-tip ta’ inizjattiva.
Min-naħa tiegħu s-Sur Calleja qal li qatt ma basar li meta ġabar l-ewwel santa tal-mejtin kien se jispiċċa l-passatemp ewlieni tiegħu. Huwa qal li huwa pjaċir tiegħu li ta din l-għotja lill-aġenzija nazzjonali għax filwaqt li l-kollezzjoni li ġabar matul is-snin mhux se tintilef, tista’ tkun utli fir-riċerka dwar l-istorja ta’ Malta.