Uffiċjali mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, flimkien mal-Pulizija u l-veterinarji, ikkonfiskaw tmint iklieb li kienu għadhom fil-pussess ta’ Andrè Galea u li kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet mhux xierqa.
Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali, Alicia Bugeja Said, li fuq il-midja soċjali rreferiet għall-każ li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa, meta Andrè Galea – li nanntu nqatlet mill-klieb tiegħu tliet snin ilu, ġie attakkat huwa wkoll.
Il-każ seħħ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, u filmati li daru fuq il-midja soċjali, urew lir-raġel kostrett jitla’ fuq is-saqaf ta’ karozza li kienet ipparkjata biex jaħrab mill-klieb tiegħu stess.
Fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li se tibqa’ ssegwi da il-każ bl-akbar reqqa u tinsab konvinta li l-istituzzjonijiet ikkonċernati se jagħmlu dak kollu possibbli biex issir ġustizzja.