Kompla jinstema l-ġuri ta’ Davide Bonanno, Sqalli ta’ 45 sena li jgħix Pembroke. Huwa jinsab mixli li ħames snin ilu importa 25 kilo kannabis stmata li tiswa madwar €700,000.
Quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, il-Kuntistabbli Andre Grech mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga qal li kien mar ma’ Anthony Schembri, sid il-kumpanija tat-trasport tal-merkanzija Agritrans f’Tas-Sliema, fejn kellha tmur id-droga.
Wieħed mix-xhieda qal li Bonanno kien wieħed minn dawk li għenu biex il-paletta bil-merkanzija tiddaħħal f’garaxx, u yien f’dan il-mument meta qamet kwistjoni tal-pagament u Bonanno qal li ma kellux flus biex iħallas.
Il-kunstistabbli spjega li huwa libes flokk daqslikieku kien jaħdem mal-kumpanija u ftiehem mal-kollegi tiegħu biex, malli jagħti sinjal, minnufih jarrestaw lil Davide Bonanno f’Tas Sliema. Huwa ftiehem li xħin jgħidilhom li ‘kollox sew’ jirredjaw”. Malli qal il-frażi, l-iskwadra ta’ kontra d-droga minnufih bdiet ir-rejd.
Intant, sid il-kumpanija kien fost ix-xhieda. Il-kumpanija tiegħu ġabret u kienet se tqassam il-merkanzija li fiha kien hemm id-droga. Huwa xehed li x-xogħol inġabar fl-1 ta’ Ottubru 2018 u kienet imniżżla li kellha merkanzija tal-ikel minn Sqallija u kienet destinata għal Giovanni Musumeci f’Tas Sliema.
Kif kien mifthiem, it-Tnejn filgħodu bdew iqassmu x-xogħol sakemm l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tal-Pulizija ta’ Malta interċettaw il-vettura fl-inħawi ta’ Monte Kristo.
Wieħed mix-xhud qal li kien kelb tal-pulizija li xamm id-droga mal-merkanzija u l-Pulizija bdew ifittxu minnufih. Meta wieħed mill-Pulizija daħħal idejh huwa qal,“Għandna t-trouble. Hawn qiegħda.”
Id-droga nstabet issiġillata u kollha mdawra b’pakkeġġjar ta’ lewn iswed fil-friġġ u magħha kellha merkanzija li trid tinżamm kiesħa.
Il-Pulizija, imbagħad, marret Tas-Sliema fejn kienet destinata l-merkanzija. Mal-wasla tal-merkanzija kien hemm raġel bid-daqna, iebes flokk aħmar, li malli ċemplulu qabad il-mowbajl u beda jxejjirlu.
Schembri kompla jgħid li għadu sal-lum ma tħallasx ta’ dan ix-xogħol u li ma kienx hemm numru tal-VAT marbut ma’ min kien ordna l-merkanzija.