Ġie inawgurat Youth Hub ġdid fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li se jitmexxa mill-Aġenzija Żgħażagħ u se joffri għajnuna lill-istudenti tal-ITS.
Dan qed isir biex ikomplu jissaħħu fil-ħiliet personali tagħhom, kif ukoll itejbu t-tagħlim informali taħt il-gwida ta’ ħaddiema mill-Aġenzija Żgħażagħ, li se jkunu għad-dispożizzjoni tal-istudenti kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis.
Waħda minn dawn il-ħaddiema hija Pamela Sammut, Youth Worker li se tkun qed toffri dan is-servizz lill-istudenti tal-ITS.
Ma’ ONE News spjegat kif dan l-ispazju ħa joffri ambjent fejn iż-żgħażagħ jistgħu jattendu biex jissoċjalizzaw f’atmosfera informali.
“Ix-xogħol ta’ Youth Worker huwa li jidentifika bżonnijiet taż-żgħażagħ u l-Youth Worker taħdem maż-żgħażagħ biex noħolqu attivitajiet magħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, qal kif dan se jkun spazju fejn l-istudenti jistgħu jesprimu ruħhom fi spazju sigur. Huwa fakkar li din hija wegħda oħra fil-manifest elettorali.
Fakkar li l-Gvern huwa kommess li jiffaċililta t-transizzjoni mill-ħajja studenteska għad-dinja tax-xogħol.
“Se jkun hemm programmi apposta minn Aġenzija Żgħażagħ fosthom billi ħa jipprovdu Youth Workers fejn se joffru anke life skills programmes.”
Il-Ministru responsabbli mit-turiżmu, Clayton Bartolo qal kif dan l-investiment se jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-istudenti li joffru servizzi professjonali fl-industrija tal-ospitalità.
“Nilqa’ bi pjaċir dan l-investiment u nħeġġeġ li jkun hemm iżjed investimenti simili fis-snin illi ġejjin għaliex l-istudenti tagħna jixraqilhom l-aqwa u l-aħjar.”