L-Ispeaker ċaħad talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni mfissra mill-Partit Laburista bħala logħba partiġġjana biex tiġi diskussa mozzjoni dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia – mozzjoni li ressaq Bernard Grech stess u li fl-ewwel okkażjoni li kellu biex jiddiskutiha, ħalliha fuq l-ixkaffa.
Wara ħin fejn il-Kamra tar-Rappreżentanti ġiet sospiża minħabba t-talba ta’ Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta d-deċiżjoni tiegħu fejn ċaħad it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni anki skont ordnijiet permanenti addottati minn Speakers ta’ qablu fosthom kwota deċiżjoni tal-eks Speaker Louis Galea.
Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota konferma oħra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li lest jilgħab il-partiġġjaniżmu b’kollox.
Il-Partit Laburista qal li Bernard Grech ried jiddiskuti b’urġenza suġġett li ressaq mozzjoni dwaru hu stess biex fl-ewwel okkażjoni li kellu hu biex jiddeċiedi l-aġenda tas-seduta tal-Oppożizzjoni, nhar it-16 ta’ Marzu ta’ din is-sena, iddiskuta xi ħaġa oħra.
Għalhekk il-Partit Laburista qal li Grech irid jilgħab gimmick politika, hekk kif irid jinvoka l-urġenza aktar minn xahar wara.
Il-Partit Laburista fakkar kif il-Grupp Parlamentari Laburista diġà ddikjara li lest jiddiskuti l-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni dwar is-suġġett fil-Parlament u li kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni tellagħha għad-diskussjoni fl-ewwel ċans li kellu, id-diskussjoni diġà saret.
“Imma l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux diskussjoni serja jrid imma logħob politiku partiġġjan tant hu hekk li għadu sal-lum ma ngħaqadx mal-appell tal-Prim Ministru biex l-inkjesta maġisterjali f’dan il-każ tingħalaq bla iktar dewmien ħalli ssir ġustizzja mal-familja u mas-soċjetà kollha kemm hi”, irrimarka l-Partit Laburista.