Il-Ministeru għal Għawdex, li fid-dekastru tiegħu taqa’ l-kaċċa, ikkummenta fi stqarrija dwar iċ-ċaħda mill-Qorti tal-mandat ta’ inibizzjoni dwar il-kaċċa għall-gamiem.
L-istqarrija osservat li l-Qorti dehrilha li s-sitwazzjoni tal-gamiema għadha l-istess bħal dik tas-sena li għaddiet u għalhekk huwa sostenibbli li ssir kaċċa b’mod ikkontrollat għal din l-ispeċi.
Dan kien argument li ressaq il-Ministeru għal Għawdex, bl-istess ministeru issa jfakkar li mhu se jiġi ttollerat l-ebda abbuż, anke b’rispett lejn id-deċiżjoni tal-Qorti.
Il-Ministru fakkar li l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema jiftaħ mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali sat-30 ta’ April, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, bi kwota nazzjonali ta’ 1,500 gamiema.
M’hemmx kwoti individwali u kull gamiema li tiġi kkaċċjata għandha tiġi rrappurtata immedjatament.
Il-Ministeru fakkar ukoll li kull min joħroġ għall-kaċċa u ma jaqbad xejn għandu jirrapporta l-hunting effort, kif spjegat fil-Liċenzja Speċjali.
Aqra hawnhekk l-Avviż Legali: https://legislation.mt/eli/ln/2023/87/mlt