Iż-żiemel Crack Money rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza l-Kbira hekk kif fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa, il-Ħadd wara nofsinhar, saret il-finali ta’ din it-tazza prestiġjuża.
Misjuq minn Michael Ellul, Crack Money ħareġ rebbieħ f’ħin ta’ 1.13.7″ fil-kilometru.
It-tiġrija sponsorjata mill-Bank of Valletta kienet riservata għal żwiemel ta’ Klassi Premier fuq distanza ta’ 2640m.
B’kollox ħadu sehem tnax -il żiemel. Kienet tiġrija sabiħa għal Crack Money li mar fuq quddiem fil-bidu u żamm il-vantaġġ sal-aħħar.
Fit-tieni post spiċċa Lucky Guy Boko misjuq minn Ludwig Ghigo filwaqt li Infinite Knight misjuq minn Charles Degiorgio spiċċa t-tielet.
Segwa fir-raba’ post Charming Soldier misjuq minn Paul Galea.
Fi tmiem il-finali saret il-preżentazzjoni mill-Ministru tal-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima flimkien mas-sur Kenneth Farrugia f’isem il-Bank of Valletta lis-sid taż-żiemel Stephen Ciangura u s-sewwieq Michael Ellul.