Minn kemm ilha li saret il-qalba elettronika fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja, saru aktar minn tliet miljun żjara fiċ-ċentri tas-saħħa u fil-kliniċi fil-komunità madwar il-pajjiż.
Ċifri li kiseb ONE News juru l-mod aktar organizzat u effiċjenti għall-pazjenti, li bih qed isiru l-visti fiċ-ċentri tas-saħħa, minn meta bdiet issir il-qalba mill-files bil-karti għar-rekords elettroniċi lejn l-aħħar tal-elfejn u dsatax.
Is-sena l-oħra biss, saru aktar minn miljun żjara fl-għaxar ċentri tas-saħħa madwar il-pajjiż; bl-aktar servizz imfittex kien dak tat-tabib.
Fl-istess sena, fil-kliniċi fil-komunità, saru aktar minn sebgħin elf żjara, għal diversi servizzi, fosthom tal-podjatrija, tal-ispeech and language pathology, tal-fiżjoterapija u għat-teħid tad-demm.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja, Roseanne Camilleri, spjegat kif grazzi għal din is-sistema msejħa Electronic Patient Records, persuna issa tista’ tmur fi kwalunkwe ċentru tas-saħħa, għaliex bil-karta tal-identità, it-tobba tal-kura primarja jkollhom aċċess għad-dettalji kollha u l-istorja medika tal-pazjent.
Qalet, “Inti tista’ ġo ġurnata waħda per eżempju, jekk ikollok bżonn, tista’ tkun il-Mosta Health Centre għal appuntament tal-phsyiotherapy, imbagħad inzertajt x’imkien lejn Ħal Kirkop u kellek bżonn xi ħaġa, mort walk in ġol-health centre u t-tabib rak hemmhekk u jaf x’kellek filgħodu jiġifieri, jekk kienx relatat, jekk ma kienx, tkun tista’ tieħu l-kura dak il-ħin u m’hemmx waiting time għax il-file mhux qiegħed hemm.”
Hija spjegat kif din il-qalba saret fi żmien li rriżulta kruċjali, hekk kif ftit xhur wara, faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.
B’din is-sistema, setgħu jiġu mgħejjuna pazjenti bil-Covid u b’mard ieħor li ma setgħux joħorġu mid-dar, minn fuq it-telefown, kif ukoll nies li kienu ddaħħlu l-isptar bil-Covid, setgħu jibqgħu jiġu segwiti minn tobba tal-kura primarja.
Qalet, “L-eluf kbar li konna naraw in-numri tagħhom fuq it-televixin, dawk kienu kollha mgħejjuna mit-telemedicine centre team ta’ tobba u professjonisti oħra u anki l-client support bis-saħħa tal-Electronic Patient Records.”
Tobba tal-familja li għandhom klinika privata wkoll jista’ jkollhom aċċess għal din is-sistema.
Fil-fatt, preżentament, madwar sebgħin tabib fil-privat għandhom aċċess għall-Electronic Patient Records u bħalissa hemm sejħa għal tobba oħra li jixtiequ japplikaw.
Qalet, “Nagħtuhom it-training mhux ta’ darba, ikun online jista’ jidħol fih min japplika bin-number tagħhom biex inkunu nistgħu niftħu u bit-training ikunu jistgħu jaċċessaw l-electronic patient record mill-clinic tagħhom privata u tiżdied mar-rekord tal-pazjent.”
Eventwalment, din is-sistema se tingħaqad mas-sistema elettronika li teżisti fl-Isptar Mater Dei, biex kull kura li tingħata fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa f’Malta, tkun irreġistrata fuq l-istess pjattaforma elettronika.