“Biss biss fl-aħħar tliet snin għalaqna tmienja u ħamsin ftehim kollettiv jew settorjali u filwaqt illi s-settur privat jibqa’ l-akbar mutur fil-ħolqien ta’ impjiegi. Tafu illum kemm nonfqu fuq il-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern. Wieħed punt tnejn biljun ewro fis-sena, id-doppju ta’ qabel l-2013, id-doppju.”
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista fid-diskors tiegħu waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li saret ġimagħtejn qabel iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem.
Dr Abela sostna kif il-ħaddiem huwa fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jittieħdu ta’ kuljum biex b’hekk tkompli togħla l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.
Qal, “Jekk dan il-Gvern dejjem kellu xi ħaġa konsistenti tul kemm ilu fdat imexxi f’dawn l-aħħar għaxar snin hu li dak li dejjem ta mhux biss żammu imma dejjem bnejna fuqu u li ma kien hemm ebda mument fejn tajna minn naħa u ħadna minn oħra. Jekk tejjibna l-pensjonijiet rajna li ma nżidux il-prezz tal-enerġija.”
Dr Abela tkellem dwar is-settur tas-saħħa, li kif diġà tħabbar, l-infermiera u l-qwiebel se jkollhom titjib fil-kundizzjonijiet u l-pagi.
Qal, “Huwa għalhekk li qegħdin nippreżentaw proposti li jtejbu l-qagħda tal-infermiera u tal-qwiebel li huma saħansitra ferm aqwa bħala żidiet minn dawk li kienu ingħataw fl-aħħar ftehim kollettiv li kien ġie nnegozzjat. Fl-istess ħin dan kollu qegħdin nagħmluh b’mod repsonsabbli lejn il-pajjiż kollu kemm hu bl-istess prinċipju bħal ma għamilna f’kull ftehim kollettiv ieħor.”
Quddiem l-attakki tal-Oppożizzjoni, li dejjem toħroġ kontra kull miżura soċjali tal-Gvern, il-Prim Ministru sostna kif il-Partit Laburista se jkun qed jiċċelebra lill-ħaddiema nhar l-ewwel ta’ Mejju.
Dan għaliex Gvern Laburista jaħdem ta’ kuljum biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Qal, “Iva aħna naħsbu kif dejjem intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Jattakkawna għax intejbu il-kundizzjonijiet tal-familji tal-ħaddiema. Imbagħad bil-wiċċ tost kollu jgħidulna li f’Jum il-Ħaddiem iridu jipprotestaw. Aħna fl-ewwel ta’ Mejju niltaqgħu l-Belt biex niċċelebraw lil ħaddiema.”
Il-Mexxej Laburista rrimarka kif dan kollu jista’ jseħħ għaliex il-Gvern għandu fiduċja fil-poplu li jmexxi.
Qal, “Hemm it-twemmin tagħna jmexxina, it-twemmin Laburista. Għalhekk inħeġġiġkom komplu aħdmu għal Għawdex u Malta tagħna. Komplu ingħaqdu magħna fil-ħidma. Kunu kuraġġjużi, fadlilna ħafna xi ntejbu għal pajjiżna u għal poplu tagħna. Flimkien konvint li se naslu għax għandi fiduċja fikom, għax għandi fiduċja f’pajjiżna.”