Wara xhur ta’ taħriġ u preparazzjoni speċjalizzata, Suzie, Nando u Kayleigh huma lesti biex ikunu klieb ta’ servizz ma’ persuni b’diżabilità.
Dawn it-tlett iklieb, mill-Fondazzjoni Maltija għas-servizzi tal-klieb, se jkunu qed jassistu tliet persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu, bi problemi ta’ ansjetà jew sfidi ta’ mobbiltà.
Kelb tas-servizz għandu rwol importanti ħafna f’ħajjet dawn l-individwi hekk kif il-kelb ikun imħarreġ biex jgħin persuna b’diżabilità jew li jkollha xi tip ta’ kundizzjoni, bħad-dijabete.
Persuni bi bżonnijiet differenti, bħal nies neqsin mis-smigħ, persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti u persuni li jbatu mis-seizures, fost kundizzjonijiet oħra, ukoll jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz.
L-għan huwa li dawn il-persuni jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar u aktar indipendenti.
Il-President tal-Fondazzjoni Maltija għas-servizzi tal-klieb, Joseph Straface qal li din il-Fondazzjoni u l-klieb li jagħmlu parti minnha, huma rikonoxxuti mad-dinja kollha u jistgħu jivjaġġaw ma’ sidhom għal aktar indipendenza.
Qal, “Service Dogs Malta saret full member international. Dak ifisser li l-fondazzjoni hija rikonoxxuta mad-dinja kollha kif ukoll il-klieb tagħna għandhom passaport u jistgħu jirkbu kull airline u s-service owners jistgħu ikunu iktar indipendenti u sseħħ iktar inklużjoni.”
Wieħed mill-persuni li għandu kelba ta’ gwida u li qiegħed fuq l-ispettru tal-awtiżmu, qasam il-benefiċċji ta’ Suzie fil-ħajja ta’ kuljum u qal kemm biha miegħu, iħossu aktar trankwill.
Qal, “Suzie has been with me for about 8 months now and since then she has helped me loads, calmed me down. She is a huge help to me especially for somebody that has gone all my life with authism and it’s very important because it stays with you for life and to have a companion to help you throughout life and go everywhere with me, is perfect for me.”
Preżenti għaċ-ċerimonja fejn ġew ippreżentati dawn it-tlett iklieb, kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli.
F’dan l-avveniment, il-Fondazzjoni ċċelebrat ukoll l-għaxar anniversarju.