Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan ekonomiku, l-istess wieħed li ppreżenta quddiem il-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Qal, “Aħna għandna pjan ekonomiku. Ħriġnih meta kellna l-elezzjoni ġenerali s-sena l-oħra fil-programm elettorali.”
F’indirizz li għamel fid-Dar Ċentrali l-Ħadd filgħodu rrefera għall-programm elettorali li kellu u ftaħar bih minkejja li kien mifni żbalji bażiċi u nbidel għal diversi drabi waqt l-istess kampanja elettorali.
Dan fl-istess waqt li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista ma nkludiex costings biex l-elettorat baqa’ jistenna sa wara li bdiet il-votazzjoni għalihom.
F’diskors diviżiv u mimli għajjat, fejn baqa’ jisħaq li hu biss għandu pjan, Bernard Grech kien ankrat fil-passat.
Qal, “Għalhekk il-Partit Nazzjonalista dejjem ġab ġid kbir.”
Mal-isteriżmu tal-Kap Bernard Grech kompla d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.
Qal, “Jiena nemmen li l-Gvern Malti huwa perikoluż għal dan il-pajjiż.”
Fid-diskors tiegħu fl-istamperija, il-Kap Nazzjonalista sejjaħ bħala gimmick, l-appell tal-Prim Ministru fil-forma ta’ ittra li ntbagħtet lill-Prim Imħallef, biex b’mod aktar effiċjenti sseħħ ġustizzja fil-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Qal, “Għax din l-ittra kienet biss gimmick.”
Bernard Grech ma waqafx hemm.
L-istess bħalma għamel quddiem il-Parlament ftit tal-ġimgħat ilu waqt protesta xejn paċifika mill-Partit Nazzjonalista, li fiha ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon ġew mgħajra u attakkati mill-partitarji ta’ Grech, il-Kap Nazzjonalista ntefa’ jkompli jkun isteriku.
Qal, “Ejja, ejja imxi ’l quddiem qum minn hemm.”