Festa Frawli fl-Imġarr saret avveniment annwali fuq il-kalendarju ta’ kull Malti u anke dawk li jżuru pajjiżna.
Din il-festa tmur lil hinn mill-frawli u l-prodotti magħmula minn din il-frotta, għaliex tinkludi wkoll divertiment għall-familja kollha, fosthom żfin tradizzjonali Malti.
Din l-attività tgħin ukoll lill-bdiewa lokali biex iwasslu l-prodott tagħhom lill-konsumaturi.
Hekk kif ippermetta t-temp, crew ta’ ONE News jinsab hawnhekk għall-festa tal-frawli. Hawn attendenza numeruża kemm ta’ Maltin u anke turisti, li lkoll ġew hawnhekk, mhux biss biex iduqu prodotti magħmulin mill-frawli biss, iżda wkoll għad-divertiment li hawn.
Bosta bejjiegħa, li kienu qed ibigħu l-prodotti tagħhom magħmulin mill-frawli, fosthom ġamm, pasti, sushi tal-frawli u xarbiet, kienu sodisfatti biċ-ċans li jesponu l-prodott tagħhom.
Dawk preżenti setgħu ukoll iduqu kejk kbir, magħmul mill-frawli.
Intant, is-sentiment fost dawk kollha preżenti kien komuni, li din l-erbatax-il edizzjoni ta’ Festa Frawli kienet waħda ta’ suċċess.