Mosta rriżultaw bħala wisq b’saħħithom għal Zebbug Rangers, meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 5-0.
Kienu Mosta li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss erba’ minuti, Michael Chidera Okoh minn pożizzjoni ideali mpenja bis-sħiħ lill-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi, li salva bi bravura.
Zebbug wieġbu mal-kwarta logħob meta Stanismir Miloskovic mill-viċin tefa’ inkredibbilment barra.
Iżda kienu Mosta li fetħu l-iskor fit-22 minuta meta MICHAEL CHIDERA OKOH avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
U biex l-affaraijiet ikomplu ġejjin ħażin għal Zebbug, fil-31 minuta, huma spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa għalihom permezz ta’ karta ħamra diretta il-goalkeeper Jamie Azzopardi, wara li miss il-ballun b’idu barra l-kaxxa.
Mosta tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor fid-39 minuta meta l-awtur tal-ewwel goal, Okoh, kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras mill-viċin jintemm ftit barra.
Iżda t-tieni goal għalihom kellu jasal proprju fit-42 minuta meta Kaishu Yamazaki rebaħ il-ballun f’nofs il-ground, qabel għadda tajjeb lejn ZACHARY BRINCAT, li minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Zebbug Rangers, ħarġu fuq l-offensiva, fit-tentattiv ovvju li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u fis-47 minuta, tilfu ċans tad-deheb li jagħmlu dan meta Charles Lokoli Ngoy kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras mill-viċin tiġi salvata minn fuq il-linja fatali mill-player ta’ Mosta, Rodriguez Ekani.
Mosta wieġbu fid-59 minuta permezz tal-veteran Rodrick Briffa li ttanta xortih permezz ta’ xutt kważi minn tarf il-kaxxa, li għadda ftit għoli.
Huma komplew jippressaw u fil-65 minuta tilfu opportunitá tad-deheb li jagħmluhom tlieta meta Christ Ememe, wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper sostitut ta’ Zebbug, Miguel Chetcuti, ra lil dan tal-aħħar isalva f’corner bi bravura.
Żewġ minuti biss wara, iż-żagħżugħ Nathan Agius, dejjem għall-Blues, venven xutt minn barra l-kaxxa li ġie mdawwar f’corner għal darb’oħra bi bravura liema bħalha minn Chetcuti.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Mosta u fis-70 minuta rebħu penalty meta Leandro iżda Da Silva waqqa’ lil Michael Chidera Okoh fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu CHRIST EMEME li ma żbaljax, hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Chetcuti n-naħa opposta.
Dan sabiex tliet minuti biss wara Okoh dejjem għall-Blues wiċċ imb’wiċċ ma’ Chetcuti tefa’ inkredibbilment barra, b’Zebbug jeħilsuha ħafif.
Mosta skorjaw ir-raba’ goal fis-77 minuta meta ZACHARY BRINCAT approfitta minn back-pass erratiku ta’ player ta’ Zebbug, avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa tefa’ ġewwa.
Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fil-85 minuta meta l-istess ZACHARY BRINCAT, minn pożizzjoni ideali tefa’ wara Chetcuti biex b’hekk irreġistra hat-trick personali.
Referee: Glen Tonna
Plejer tal-Logħba: Michael Chidera Okoh (Mosta)