Gzira United irritornaw għar-rebħ wara serje ta’ erba’ telfiet konsekuttivi meta kisbu rebħa meritata fuq Balzan u ġeddew it-tamiet tagħhom li jispiċċaw fl-ewwel postijiet tal-klassifika.
Il-logħba dehret li se tkun bilanċjata hekk kif kienu Balzan li ħolqu l-aħjar azzjonijiet fl-ewwel ħinijiet. Infatti fl-14-il minuta Angel Torres inkariga ruħu minn freekick li hezzez il-lasta l-mimduda.
Balzan baqgħu jagħfsu aktar u fit-22 minuta il-goalkeeper Zarkov tal-Gzira mblokka xutt b’saħħtu ta’ Paul Fenech biex mir-rebound ittanta xortiħ Matheus Nogueira, imma Zarkov reħa’ mblokka f’korner.
Gzira damu xi ftit biex qagħdu iżda kienu huma li fethu l-iskor fit-33 minuta meta xutt ta’ Jefferson de Assis deher li ġie kkaverjat mill-goalkeeper Jonathan Debono, imma dan naqas li jikkontrolla tajjeb il-ballun li spiċċa jaħrablu u jispiċċa fix-xibka.
Fit-tieni taqsima Gzira ħargu l-aħjar u rduppjaw il-vantaġġ fil-50 minuta meta kross ta’ Marcelo Dias għadda tul il-lasta biex daħal tajjeb minn fuq ix-xellug Toni Kolega li mill-qrib spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Żewg minuti biss wara l-goalkeeper Balzani Debono ħareg jikklerja barra l-kaxxa biex antiċipa lil Jefferson de Assis wara xogħol tajjeb ta’ Steven Pisani.
Gzira dejjem baqgħu aktar effettivi u fis-70 minuta kien Debono li salva tajjeb ix-xutt mill-qrib ta’ Jackson Mendoza.
Debono reġa’ kien prominenti b’save ieħor tajjeb fis-77 minuta meta dawwar f’korner daqqa ta’ ras mill-qrib ta’ Jefferson de Assis mill-kross ta’ Ewerton.
In-naħa l-oħra, żewg minuti wara, Kolega kien għoddu għeleb lill-goaler sieħbu Zarkov meta qassamlu l-ballun lura u Zarkov b’diffikulta’ tajjar il-ballun f’korner.
Referee: Fyodor Zammit
Player tal-Loghba: Toni Kolega (Gzira Utd)