Tnediet l-ewwel edizzjoni ta’ Springtime in Gozo; kalendarju mżewwaq bl-attivitajiet għal żmien ir-Rebbiegħa.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Għawdex, Clint Camilleri, li qal kif permezz tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali, se jerġa’ jitwassal programm li jilħaq l-aspettattivi ta’ bosta, sabiex Għawdex jieħu l-ħajja, fi żmien fejn il-kampanja tkun fl-aqwa tagħha.
Il-Ministru Camilleri, “Għawdex gżira ta’ kull staġun, u għaldaqstant qegħdin inniedu għall-ewwel darba, għall-istaġun tar-Rebbiegħa, programm t’attivitajiet li se jkun tul xahar sħiħ. Attivitajiet li se jvarjaw, minn opri għal kunċerti, u festivals oħrajn, propju nibqgħu nagħmlu wkoll din il-gżira l-għażla naturali, mhux biss għal sħabna l-Maltin imma wkoll dawk li se jżuruna issa li jibda sew u bis-saħħa l-istaġun turistiku. Ovvjament il-Ministru għal Għawdex se jibqa’ jaħdem sabiex jibqa’ jtella’ attivitajiet matul is-sena kollha, fl-aħħar mill-aħħar, jagħti prodott lil min iżurna.”
Dawn l-attivitajiet jinkludu fost oħrajn l-opra klassika La Traviata, il-festival annwali tal-logħob tan-nar, il-festival tal-inbid organizzat f’ ta’ Sannat, u l-fiera tar-rebbiegħa li ta’ kull sena tiġi organizzata fil-ġonna ta’ Villa Rundle.
Dan biex tul is-sitt ġimgħat li ġejjin, kemm ir-residenti ta’ Għawdex kif ukoll dawk li jżuru l-gżira, ser ikollhom firxa wiesa’ ta’ attivitajiet.
Kulħadd huwa mħeġġeġ jattendi għal dawn l-attivitajiet qabel kalendarju kulturali ieħor għax-xhur tas-sajf.