Il-Membru Parlamentari Ewropew (MPE) Alex Agius Saliba għadu kif ippreżenta proposta formali lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta’ Diesel ParKculate Filter (DPF Filter) minn konsumaturi u mill-komunita’ tan-negozju u t-trasport f’pajjiż iżgħar fl-Unjoni Ewropea (UE), inkluż f’Malta u f’pajjiżi oħra.
Alex Agius Saliba spjega kif din il-proposta se tilħaq direttament lil dawk li għandhom karozzi li jaħdmu bid-diesel, u li qed jesperjenzaw problemi kbar fil-karozzi minħabba ħsarat fil-magna. Hu żied li dan qed iwassal għal ħafna spejjeż żejda u li hemm bżonn li naraw kif dan ma jiġrix aktar f’pajjiż i żgħar fl-UE.
Fil-proposta tiegħu, l-Ewro Parlamentari qal li d-DPF Filter jew kif inhu magħruf wkoll bħala s-“Soot Trap”, huwa dak il-filtru illi waqt li tkun qed issuq b’veloċita’ moderata jiġbor il-karbonju biex ma nniġsux iċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet
tagħna. Fl-istess waqt, l-istess filtru jitfa’ l-barra l-karbonju kollu li jkun ġej mill-magna meta tkun qed issuq f’toroq bħal-“highways” b’ċertu veloċita’, u mingħajr ma jkun hemm waqfien. Dan jgħin biex l-impatt fuq l-ambjent ikun imnaqqas kemm jista’ jkun.
Madankollu, dan l-użu tad-DPF Filter f’pajjżi b’toroq twal mhux qed ikollu l-istess benefiċċju għal pajjiżi b’toroq qosra bħal dawk ta’ Malta. Dan għaliex id-distanzi ma jippermettux li jitnaddaf dan id-DPF filter b’mod manwali u regolari, u b’hekk qed iwassal biex jibblokka il-funzjonament effiċjenti tal-magna.
Fl-ambitu ta’ dan kollu, Alex Agius Saliba żied jgħid li din il-proposta formali lill-Kummissjoni Ewropea saret biex isir mandatorju li dawn id-DPF Filters fil-karozzi b’magna diesel ikunu jistgħu jinfetħu biex jitnaddfu b’mod regolari mil-mekkaniks Maltin, hekk kif il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-filters lanqas biss ikun jistgħu jitnaddfu, u b’hekk il-konsumaturi jkollhom ta’ bilfors jixtru filtri ġodda li jlaħħqu fi spiża medja ta’ mijiet ta’ Ewro.
L-MPE Alex Agius Saliba, ikkonkluda l-proposta formali b’sejħa għas-sens komun mill-Kummissjoni Ewropea biex jitħarsu l-konsumaturi f’pajjiżi żgħar bħal Malta, li qed ikunu żvantaġġati minħabba din it-teknoloġija.