Il-MPE Cyrus Engerer ġie fdat mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew biex imexxi n-negozjati dwar id-Direttiva li tirregola l-Iskart Elettriku u Elettroniku. Il-liġi se tfittex li tintroduċi emendi għal din id-Direttiva li jiffokaw fuq l-immaniġġar tal-iskart elettriku u elettroniku speċjalment fir-rigward ta’ skart li jirriżulta mill-pannelli solari.
Din hija t-tieni darba li l-MPE Engerer ġie fdat biex imexxi negozjati dwar leġislazzjonijiet ewlenija tal-UE dwar l-iskart wara l-ħatra tiegħu f’Novembru 2020. Fl-2021 inħatar bħala Shadow Rapporteur għar-Reviżjoni ta’ Regolament dwar Vjeġġi tal-Iskart fejn irnexxielu jiżgura projbizzjoni gradwali ta’ vjeġġi ta’ skart lejn pajjiżi terzi fid-dawl tal-ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn din il-prattika.
Mal-ħatra tiegħu l-MPE Engerer qal li din hija opportunita’ oħra sabiex jinħolqu leġislazzjonijiet li jirriflettu t-trasformazzjoni li l-Ewropa għaddejja minnha biex tindirizza l-emerġenzi ambjentali u tal-klima li qed naffaċċjaw.
“L-iskart għandu rwol ewlieni fit-transizzjoni tagħna lejn ekonomija ċirkolari u din it-transizzjoni se ġġib magħha opportunitajiet ġodda għal tkabbir ekonomiku iżda wkoll sfidi ġodda li rridu nindirizzaw bħall-mistoqsija dwar min se jbati l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart minn sorsi rinnovabbli ta’ enerġija bħal pannelli solari.
Il-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas ser ikun wieħed mill-prijoritajiet ewlenija tiegħi f’dawn in-negozjati u ser inkompli nimbotta ‘l quddiem l-idea li l-ispejjeż għat-transizzjoni ekoloġika m’għandhomx jinġarru mis-setturi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna.”
L-MPE Engerer mistenni jibda negozjati mal-gruppi politiċi l-oħra fi ħdan il-Parlament Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin bil-ħsieb li jintlaħaq qbil li mbagħad jiġi vvutat fi ħdan il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel u iktar tard fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew.