Ingħata bidu għall-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista b’workshop dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi fis-settur tal-konstruzzjoni.
F’din id-diskussjoni pparteċipaw mhux biss id-delegati u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista iżda numru ta’ msieħba soċjali flimkien ma’ rappreżentanti minn entitajiet differenti fosthom il-Kamra tal-Periti, l-MDA, u l-BCA.
Kull min kien preżenti seta’ jsegwi preżentazzjoni mill-Ministru għax-xogħlijiet pubbliċi u l-ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, li ta spjegazzjoni ta’ x’wieħed jirrikjedi biex ikun liċenzjat fil-kostruzzjoni kif ukoll dwar fejn irridu nieħdu dan is-settur ’il quddiem.
Il-Ministru spjega li f’pajjiżna kien hemm biss il-liċenzja tal-bennej li ġiet introdotta fit-tmeninijiet. Issa ġiet introdotta bi tliet stadji ġodda: tal-bini, twaqqigħ u skavar.
Kull min irid jopera, jista’ japplika sal-31 ta’ Ottubru. Jekk persuna ma tapplikax sa dan il-perjodu, mhux se titħalla topera mill-1 ta’ Novembru.
Id-Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef tenna li din it-tema tolqot lil kull min hu kuntrattur u lill-pubbliku b’mod ġenerali.
Il-Perit Amber Wizmayer qalet li dan huwa l-ewwel pass ta’ tluq fi proċess tant mistenni.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali jintlaħaq nhar il-Ħadd fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti biex fl-10:00 ta’ filgħodu, jindirizza l-Konferenza Ġenerali, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.