Temmew ix-xogħlijiet kbar ta’ tkabbir u tisħiħ fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mellieħa biex tirdoppja l-kapaċità tiegħu waqt li ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fil-lokalitajiet tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta, dan hu xogħol li sar minn Enemalta plc
Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku 33 kV fil-Mellieħa huwa wieħed mill-ħoloq ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Jirċievi l-elettriku miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni 132 kV fil-Mosta biex jitqassam lill-klijenti f’għadd ta’ lokalitajiet, minn partijiet tar-Rabat u l-Imġarr sa San Pawl il-Baħar, il-Manikata u l-Mellieħa. Iċ-Ċentru għandu wkoll sehem importanti biex jitwassal l-elettriku f’Għawdex.
Dan l-investiment ta’ €1.4 miljun beda lejn l-aħħar tas-sena 2015 b’għadd ta’ xogħlijiet ta’ tibdil fil-binja taċ-Ċentru, biex fih ikun jista’ joqgħod l-apparat il-ġdid. Iż-żewġ transformers ta’ 10/15 MVA li kienu twaħħlu f’dan iċ-ċentru fl-1971 ġew mibdula ma’ tnejn ġodda b’kapaċità ta’ 15/22.5 MVA kull wieħed. Dan it-tkabbir kien meħtieġa sabiex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku minn klijenti residenzjali u kummerċjali fil-Mellieħa u f’għadd ta’ nħawi oħra fil-qrib.
Permezz ta’ dan l-investiment, Enemalta issa għandha l-infrastruttura meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista u tkompli tipprovdi servizzi tal-elettriku lill-klijenti tagħha f’dawn l-inħawi anke jekk wieħed miż-żewġ transformers ma jkunx disponibbli minħabba xi manutenzjoni, ħsarat naturali jew diffikultajiet oħra.
Dan il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil tal-oil-insulated switchboard tal-1971 ma’ gas-insulated switchgear ġdid u aktar sikur bi 17-il panel. Dan l-apparat ġie manifatturat apposta għall-ħtiġijiet ta’ dan iċ-Ċentru mill-kumpanija Siemens fl-Italja. Permezz taż-żieda fl-għadd ta’ panels ta’ dan l-apparat, Enemalta qed ittejjeb il-kontroll tas-sistema tad-distribuzzjoni 11 kV fl-inħawi. Dan ifisser li jitnaqqas ir-riskju u t-tul ta’ diffikultajiet jew qtugħ fis-servizz tal-elettriku lill-klijenti billi jifrex il-ħtiġijiet tal-elettriku f’dawn l-inħawi fuq sistema tad-distribuzzjoni aktar estiża. B’hekk, Enemalta tkun tista’ twieġeb b’aktar ħeffa f’każi ta’ qtugħ fil-provvista kkawżati minn ħsarat aċċidentali, ħsarat naturali jew diffikultajiet oħra fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Is-sistemi tal-protezzjoni u kontroll taċ-Ċentru wkoll ġew mibdula ma’ oħrajn ġodda biex jitjieb il-kontroll ta’ dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni mill-inġiniera stazzjonati 24 siegħa kuljum fil-Kamra tal-Kontroll Ewlenija tas-Sistema tad-Distribuzzjoni ta’ Enemalta fil-Marsa.