Mil-lum daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida dwar l-obbligu tas-separazzjoni tal-iskart. Din il-liġi qed tiġi infurzata għall-ġid ta’ saħħitna u tal-protezzjoni tal-ambjent, u se tgħin biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-iskart li jispiċċa jkollu jintrema fil-miżbliet.
Is-separazzjoni tal-iskart saret obbligatorja għal kulħadd: għan-negozji, għall-entitajiet governattivi, kif ukoll għad-djar.
Min-naħa tagħha, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, qed tagħti bidu għal kampanja edukattiva ta’ sitt xhur. Fl-istess żmien, uffiċjali tal-infurzar se jkuni qed jimmoniterjaw it-toroq biex jiżguraw li r-regolamenti qed jiġu osservat.
Mill-14 ta’ Ottubru, imbagħad, jidħlu fis-seħħ il-multi, li jibdew minn €75 għan-negozji u €25 għad-djar. Dawn jirduppjaw għal min jikser ir-ragolamenti aktar minn darba.
Din is-sistema l-ġdida għandha twassal biex Malta tilħaq il-mira tagħha li l-iskart li jintrema fil-miżbliet jinżel minn 90 fil-mija ta’ bħalissa għal 10 fil-mija fl-2035.