F’Novembru li għadda, in-numru ta’ persuni b’impjieg full-time żdied bi tmienja fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ fi statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li kkwotat ċifri minn Jobsplus li juru kif l-impjiegi full-time fis-settur privat żdiedu bi 19,860 biex qabżu l-211,021. L-impjiegi full-time fis-settur pubbliku naqsu b’aktar minn tliet mitt persuna.
L-aktar setturi li kkontribwixxew għal din iż-żieda fl-impjiegi kienu dawk tas-servizzi amministrattivi, tal-akkomodazzjoni u tal-ikel.
L-għadd ta’ persuni li kellhom part-time bħala x-xogħol primarju tagħhom żdied bi tliet punt erbgħa fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena taʼ qabel.
Meta wieħed iħares lejn sena sħiħa, jirriżulta li n-numru taʼ persuni li jaħdmu full-time fis-settur privat żdied bʼgħaxra punt erbgħa fil-mija fi żmien tnax-il xahar.
In-nies jaħdmu full-time fis-settur pubbliku naqsu b’żero punt sitta fil-mija minn Novembru tal-elfejn u wieħed u għoxrin.
L-għadd taʼ rġiel u nisa bʼimpjieg full-time telaʼ bi tmienja punt sitta fil-mija u b’sebgħa punt wieħed fil-mija, rispettivament, fuq il-livelli rreġistrati fl-elfejn u wieħed u għoxrin.