B’investiment ta’ sitta punt erba’ miljun ewro se jkun qed isir micro tunnelling permezz ta’ teknoloġija innovattiva li se tara titjib fis-sistema tad-dranaġġ u l-ilma fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra.
Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li preżenti għaliha kien hemm fost l-oħrajn il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u l-Intrapriżi, Miriam Dalli, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Intqal kif dan il-proġett se jkun qed jibda fil-jiem li ġejjin u li se jkun qed isir fuq medda ta’ kważi żewg kilometri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, spjega kif sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti l-proġett ser juża teknologija ta’ “micro-tunneling” li se jiddevja d-dranaġġ kollu mill-irħula dritt għall-mina.
Intqal kif dan hu biss proġett wiehed minn ħafna li se jkunu se jsiru.
Il-Ministru Dalli spjegat kif dan huwa proġett innovattiv b’teknoloġija innovattiva u li huwa wieħed bżonjuż f’lokalità bħal din.
Spjegat kif se jkunu qed isiru proġetti simili bħal dan f’lokalitajiet oħra bħall-Marsa, San Ġiljan, l-Imsida, u B’Bugia.