Għat-tielet darba f’pajjiżna se tirritorna l-attività Nickelodeon Treasure Hunt, bejn is-27 u 28 ta’ Mejju li ġej.
Dan l-avveniment, mifrux fuq jumejn, se jkun qiegħed jara l-Belt Valletta tinbidel f’festival għall-familji li jinvolvi karattri ta’ animazzjoni popolari mat-tfal li jinkludu SpongeBob SquarePants, PAW Patrol, Transformers, u Baby Shark.
L-attrazzjonijiet ta’ Nickelodeon Treasure Hunt se jkunu fit-Triq ir-Repubblika, Pjazza Teatru Rjal, Pjazza La Valette, u Pjazza Tritoni. Il-programm ta’ attivitajiet se jinkludi wkoll logħob f’għamla ta’ treasure hunt għall-familji u t-tfal f’attrazzjonijiet turistiċi oħrajn li jinkludu Għar Dalam, Ħaġar Qim, l-Imnajdra, il-Park Arkeoloġiku, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, u l-Katakombi ta’ San Pawl.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia.
Il-Ministru Bartolo osserva li n-niċċa tat-turiżmu għall-familja hija waħda li dejjem qiegħda tikber fil-prodott turistiku lokali.
Qal, “Wara li kellna l-ewwel xahrejn tas-sena b’saħħithom, rajna li l-perjodu tal-Għid kien ukoll wieħed b’saħħtu mill-aspett turistiku. Issa rridu nħarsu lejn iż-żmien li ġej sabiex b’hekk ikollna avvenimenti bħal dawn li jkomplu jibnu niċeċ sostennibbli tat-turiżmu biex inkomplu niksbu riżultati pożittivi mal-kumplament tas-sena wkoll.”
Nickelodeon huwa stazzjon televiżiv popolari ħafna ma’ miljuni ta’ tfal madwar id-dinja kollha, u jasal f’iktar minn 500 miljun residenza f’170 pajjiż. Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, spjega kemm hu ta’ importanza li Malta tikkollabora ma’ ditti barranin bħal Nickelodeon, li għandhom fama mondjali.
Qal, “Huwa suċċess għaliex huwa varjat mis-snin ta’ qabel, għaliex il-karattri li aħna mdorrijin bihom jinbidlu. Għandna karattri li diġà esponew ruħhom fl-edizzjonijiet ta’ qabel, però għandna karattri oħrajn li huma ġodda u dan iżid il-valur miżjud għal dan il-prodott li l-Awtorità tat-Turiżmu qed tinvesti fih.”