F’Marzu għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 487,117 passiġġier, li jfisser żieda ta’ tnejn fil-mija fuq il-figuri ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Barra minn hekk, Marzu ġab fi tmiemu l-ewwel kwart l-aktar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif fl-ewwel tliet xhur tas-sena laqa’ 1,245,525 passiġġier.
Dan ħareġ fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li turi kif din iż-żieda fil-movimenti tal-passiġġieri kienet riżultat ta’ domanda għall-ivvjaġġar li kompliet tiżdied u dan kien rifless ukoll f’seat load factor b’saħħtu fl-aħħar xhur.
L-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja baqgħu l-aktar swieq popolari hekk kif flimkien ammontaw għal 63 fil-mija tat-traffiku kollu li għadda mill-ajruport f’Marzu.
Minn dawn l-aktar ħamest iswieq importanti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja biss għadhom ma laħqux il-figuri tal-2019, filwaqt li s-swieq l-oħra rreġistraw livelli differenti ta’ tkabbir.
Il-Ġermanja qabżet lil Franza u sabet postha bħala t-tielet l-aktar suq popolari.