Eluf ta’ Maltin, Għawdxin, u turisti għażlu li jgawdu l-festa ta’ San Girgor, hekk kif ħarġet xemx tiżreġ f’ġurnata sinonima mas-sajf Malti.
Il-festa ta’ San Girgor hija magħrufa sew maż-Żejtun u ma’ Marsaxlokk, fejn tilħaq il-qofol tagħha.
Għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu, telaq pellegrinaġġ immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, mill-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun.
Imbagħad il-pellegrinaġġ mexa sal-Knisja ta’ Santa Katarina l-qadima, li hija magħrufa bħala ta’ San Girgor. Il-pellegrinaġġ kien akkumpanjat minn bosta fratelli kif ukoll diversi bandisti li daqqew numru ta’ innijiet, fosthom it-Te Deum.
Imbagħad, l-Arċisqof ta’ Malta, daħal fil-Knisja ta’ Santa Katarina, fejn għamel ħin ta’ talb flimkien mal-Kapitlu Metropolitan, li mexa miegħu l-pellegrinaġġ u ma’ dawk preżenti.
Biswit il-Knisja ta’ San Girgor, intramaw diversi bankarelli mid-Direttorat tal-Kultura, li esebew numru sabiħ ta’ tradizzjonijiet Maltin .
Fost dawn kien hemm persuni li bdew jaħdmu l-bizzilla, il-ganutell, u xogħol bit-tafal. Dawn ingħaqdu ma’ bankarelli oħra li, fost l-oħrajn, esebew il-falkunerija u bankarella partikolari saħansitra tat togħma ta’ mużika folkloristika mill-Kroazja mil-Lado Group.
Wara li ntemmet l-attività fiż-Żejtun, l-attenzjoni daret fuq Marsaxlokk, fejn eluf ta’ Maltin niżlu bi ħġarhom iduru fost il-monti tradizzjonali.
Apparti minn hekk, saret ukoll it-tombla li attirat ukoll diversi nies.
Ma naqasx ukoll li dawk preżenti jieklu l-ikla ta’ nofsinhar f’dan ir-raħal pittoresk, bid-diversi ristoranti matul Xatt is-Sajjieda lkoll mimlijin nies.
Minkejja li ħarġet ġurnata b’temp sabiħ, ir-riħ ma ppermettiex li sseħħ ii-tradizzjoni tal-ewwel għawma f’San Girgor.
Iżda dan ma waqqafx attivitajiet oħra, li fost l-oħrajn kienu mżewqa bl-għana Malti, li ġabar għexieren ta’ persuni jsegwu b’reqqa.
Qabel bdew idoqqu u jgħannu, tkellimna ma’ għannej u kitarrist, li fakkruna f’kif l-għana spirtu pront huwa arti u b’hekk, sakemm jibdew l-ewwel noti, ma jkunux jafu x’se jgħannu.