Kevin Ciaccatolo ta’ 47 sena weħel sitt snin ħabs wara li nstab ħati li sawwat anzjan ta’ 72 b’ħadida waqt serqa minn ħanut fl-Imsida.
L-akkużat ġie mixli lura fl-2018 li wettaq serqa minn ħanut, li żamm lis-sid kontra l-volonta tiegħu u weġġgħu gravi, li kellu arma fuqu li kiser sentenza tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni kienet spjegat li s-sid pprova jwaqqaf lill-akkużat imma dan tah daqqa ta’ ħadida u ħallih malart fuq il-bankina. Huwa ġie arrestat wara li l-pulizija iċċekjat il-filmati tal-kameras tas-sgiurtà.
Il-Maġistrat Ian Farrugia,wara li sema s-sottomisjonijiet, innota li waqt li l-anzjan kien mal-art il-ħalliel daħal fil-ħanut, sabbat il-cash register mal-art u ħa madwar ħames mitt ewro fi flus kontanti.
Filwaqt li l-Qorti sabitu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, il-Maġistrat Farrugia ddeskriva dan ir-reat bħala wieħed li m’għandux jiġi ttollerat f’soċjetà ċivilizzata u insista li meta jiġru każijiet bħal dawn, is-soċjetà tippretendi li tkun protetta mill-kriminali li jwettquhom.
Huwa qal li avolja Cacciattolo għandu l-vizzju tad-droga, ma għamel xejn biex jipprova jegħelb il-vizzju.
Minbarra li kkundanna lil Cacciattolo għal 6 snin ħabs, il-Maġistrat Farrugia ordna wkoll il-konfiska tal-karozza li ntużat fis-serqa.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI