Żagħżugħ ta’ 15-il sena li joqgħod Bormla ammetta li seraq mutur u saqu mingħajr liċenzja tas-sewqan u polza tal-assigurazzjoni.
L-akkużat ammetta wkoll li hu riċediv.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Kurt Farrugia spjegat li l-mutur insteraq minn post u nstab post ieħor. L-ispettur spjega wkoll li l-akkużat kkopera bi sħiħ mal-pulizija.
Il-prosekuzzjoni u d-difiża talbu li ż-żagħżugħ għandu jingħata probation biex ikun jista’ jaqbad triq differenti minn dik li diġa qabad.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima qalet li s-sentenza se tingħata għada fl-għaxra ta’ filgħodu.
L-akkużat kien akkumpanjat minn ommu minħabba li ż-żagħżugħ għadu taħt l-età.