Wara l-festa tal-Għid il-Kbir, l-attenzjoni tan-nies iddur fuq festa oħra, li taħbat l-Erbgħa ta’ wara: il-festa ta’ San Girgor.
Din il-festa hija magħrufa sew mal-pajjiż kollu, iżda speċjalment fiż-Żejtun, fejn jiġi organizzat il-pellegrinaġġ annwali. Imbagħad, waranofsinhar, Marsaxlokk jieħu l-ħajja hekk kif eluf jinżlu jieklu xi ħaġa kif ukoll igawdu t-temp li ġeneralment jibda jaqleb għal dak sajfi kif joffru l-gżejjer Maltin. Uħud jieħdu wkoll din l-okkażjoni biex jagħmlu l-ewwel għawma tas-sena.
Crew ta’ ONE News niżel Marsaxlokk, fejn tkellem ma’ diversi persuni li qegħdin jagħmlu l-aħħar preparamenti għal din il-festa antika, li ilha tiġi ċċelebrata mis-seklu sittax.
Fost l-oħrajn, żewġ persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ikel, li wkoll jinsabu jħejju għal San Girgor, qalulna li qegħdin jistennew numru sabiħ ta’ Maltin u turisti li se jqattgħu l-festa hemmhekk.
“Jien naħseb li din is-sena se tkun suċċess kbir, it-temp se jippermetti. Għax it-temp jilgħab il-logħba dejjem, qabel kollox, u n-nies se jiġu bi ħġarhom hawn isfel.”
“Bħas-soltu hux, bħal kull sena oħra, imma dejjem sena aqwa minn oħra narawha aħna. Mhux għalina biss, jiġifieri anki mat-turisti, sa din il-ġimgħa stess ġew jistaqsu għaliha.”
L-istess sentiment kien espress mill-bejjiegħa tal-monti, li ta’ kull sena jarmaw il-prodotti tagħhom tul ix-xatt ta’ Marsaxlokk.
Żewġ bejjiegħa tkellmu magħna dwar kif ikun il-proċess għalihom għal din il-ġurnata.
“Kulħadd jarma dik in-nara xi ħaġa żejda u tkun looking forward għaliha. Niġu kmieni, kulħadd isib postu, dak li jkun alloka l-Kunsill għalih. Imbagħad, barra minn hekk, għada jkun hawn ħafna attivitajiet mill-għaqdiet, ukoll, li jagħmlu fund raising għall-festa.”
“Nistennew temp sabiħ hux, jinżlu ħafna nies, ikun hawn ħafna kummerċ. Ikun hawn it-tombla, ikun hawn l-attivitajiet tal-banda. Nistennew li jkun hawn in-nies.”
L-aspett kulturali, madanakollu, mhux se jkun qiegħed jieqaf biss mal-monti tradizzjonali.
Fil-fatt, se jkun hemm aktar attivitajiet madwar Marsaxlokk, fosthom dawriet bid-dgħajjes li jmorru tajjeb ferm mat-turisti, kif ukoll se jiġi organizzat l-għana mid-Direttorat tal-Kultura. It-tradizzjoni Maltija se tiżżewwaq ma’ mużika folkloristika mill-Kroazja.
“Għada, kif jisbaħ, jimtela’ kull m’hawn bin-nies. Imbagħad aħna, li naħdmu bid-dgħajjes, min ikun jixtieq imur dawra neħduhom ukoll.”
“Ħa jkollna diversi tipi ta’ għana: għana tal-fatt, għana la Bormliża wkoll. Se jkollna grupp mill-Kroazja, Lado Group. Dawn huma grupp li qegħdin rikonoxxuti fi ħdan il-UNESCO wkoll.”
Intant, fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk se tiġi organizzata wkoll it-tombla li wkoll hija sinonima ma’ din il-festa.
“Se tiġi organizzata tombla mill-għaxra ’l quddiem u se tkun tombla tajba, jiġifieri bħalma tkun is-soltu li kull sena ssir.”