Il-Gvern talab proċess ta’ konċiljazzjoni mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, wara xhur ta’ negozjati li kienu jinvolvu 13-il laqgħa dwar ftehim kollettiv ġdid għall-infermiera u l-qwiebel.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa spjega li dan il-pass ta’ konċiljazzjoni qed isir anki fil-kuntest ta’ żidiet sinjifikanti proposti mill-Gvern tant li l-proposti ppreżentati lill-MUMN f’dawn in-negozjati kienu saħansitra mtejba diversi drabi.
Il-proċess ta’ konċiljazzjoni mal-MUMN huwa skont dak li jipprovdi l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Il-Gvern qal li din hi azzjoni meħtieġa biex ikun assigurat li anke f’mument fejn għaddejjin taħdidiet dwar ftehim kollettiv li immaturaw, pazjenti vulnerabbli jingħataw l-kura meħtieġa u għalhekk l-appell jibqa’ biex in-negozjati jsiru f’dan l-ispirtu ta’ rieda tajba u responsabbiltà lejn dawk li jeħtieġu s-servizz tas-saħħa.
Il-Ministeru għas-Saħħa saħaq li fil-laqgħat li saru dwar numru ta’ proposti mressqa mill-Gvern dejjem kien hemm għan konsistenti li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tal-infermiera kif sar fl-aħħar snin f’diversi setturi.
Il-Gvern spjega li quddiem dan kollu qed jitlob proċess ta’ konċiljazzjoni anki fi żmien li pazjenti qed ikunu milquta minn azzjonijiet industrijali mhux ġustifikati u raġonevoli.
Dan kollu jsir b’responsabbiltà kemm lejn il-ħaddiema li jridu jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom u kemm lejn il-pazjenti li għandhom dejjem jingħataw kull kura meħtieġa.