L-Assoċjazzjoni tal-Kirurgi sostniet li l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, għandha terfa’ r-responsabbiltà fuq spallitha għall-azzjonijiet industrijali li qed tagħmel u toħloq dannu għall-pazjenti.
L-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-kirurgi sostniet li l-ebda operazzjoni ma tħassret jew waqfet ħesrem minħabba li xi kirurgu jew konsulent mediku ma kienx hemm iżda għax l-infermiera waqfu jaħdmu minħabba azzjonijiet ordnati minn Pawlu Pace, il-President tal-MUMN, li mhux jaqbel mal-proposti tal-Gvern dwar ftehim kollettiv ġdid.
Aktar qabel, Pawlu Pace tal-MUMN sostna li hemm pazjenti milquta fl-operazzjonijiet billi tefa’ l-ħtija fuq konsulenti li skontu jitilqu f’nofsinhar u jkomplu bil-prattika privata.
Madankollu mal-Assoċjazzjoni tal-Kirurgi ngħaqdet l-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM li qalet li żewġ terzi tal-konsulenti llum għandhom kuntratt li bih jaħdmu biss fl-isptar pubbliku u mhux bil-prattika privata tagħhom.
Il-MAM qalet li l-appuntamenti tal-operazzjonijiet illum huma mimlija fis-settur tas-saħħa u jibqgħu sejrin sas-sitta ta’ filgħaxija, b’konsulenti mediċi lesti jibqgħu jaħdmu anki sat-tmienja ta’ bil-lejl.
Il-MAM qalet li Pawlu Pace missu jagħmel konxju l-membri tal-unjin li jmexxi, li d-direttivi tal-unjin ma jfissrux li pazjent b’dannu minħabba l-azzjonijiet industrijali ma jistax ma jfittix bil-Qorti lil dak l-infermier li qed jistrajkja.