Balzan dawru telfa f’rebħa ta’ 3-2 kontra Mosta, biex b’hekk għamlu pass importanti li jiksbu post fl-Ewropa fi tmiem l-istaġun. Detrimentali għall-Blues kien il-fatt li huma lagħbu għal iktar minn taqsima sħiħa bi player inqas, fejn madankollu huma taw qalbhom kollha.
Kienu Mosta li fetħu l-iskor propru fl-ewwel periklu li ħolqu fl-24 minuta, meta Zachary Brincat għadda tajjeb lejn Christ Ememe li min-naħa tiegħu xeħet cross fil-baxx lejn DUANE BONNICI li mill-viċin antiċipa lid-difensur avversarju u tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Iżda Balzan ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u fl-40 minuuta wettqu penalty meta wara kontrattakk veloċi ta’ Balzan, Precious Linus Tenebe, waqqa’ lil Angel Torres fil-kaxxa, u kawża t’hekk tkeċċa permezz ta’ karta ħamra diretta mir-referee Matthew De Gabriele.
Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-iskorer prolifiku Montenegrin, BOJAN KALJEVIC, li ma żbaljax hekk kf permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ lill-goalkeeper ta’ Mosta, Ini Etim Akpan naħa u l-ballun in-naħa opposta, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tiegħu.
Fit-58 minuta. Mosta, minkejja li bi player inqas, tilfu ċans tad-deheb li jerġgħu imorru fil-vantaġġ, meta Christ Ememe, kellu xutt angolat fil-baxx minn pożizzjoni
ideali indirizzat lejn il-lasti avversarji, iżda pront kien Delvin Chanel Ndinga, li f’din il-partita kien qed jirritorna għal Balzan, li ddevja l-ballun f’corner. Mill-corner li rriżuluta, l-ispeċjalista Clayton Failla, kellu t-tentattiv dirett tiegħu jistampa mal-mimduda, b’Balzan jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jippressaw u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-70 minuta, marru fil-vantaġġ, hekk kif freekick ta’ Clayton Failla ħabat mal-barriera biex mir-rebound, Chris Okoh, miss il-ballun lejn l-istess CLAYTON FAILLA, li venven xutt mill-ewwel li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Balzan, Jonathan Debono, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Balzan wieġbu fit-73 minuta meta l-captain Paul Fenech kellu xutt mid-distanza li għadda jħakkek mal-mimduda.
Il-partita kompliet tisbieħ u minuta biss wara, Balzan, meritatament ġabu l-iskor indaqs meta ANGEL TORRES, bi klassi u preċiżjoni kbira u permezz ta’ xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa, tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fid-79 minuta, ANGEL TORRES, li jagħmel id-differenza kollha fejn u meta jkun hemm bżonn għal Balzan, temm azzjoni personali, billi qabeż lil Clayton Failla fuq il-ġirtja u minn pożizzjoni angolata ħalla lil Akpan iħares, biex b’hekk skorja l-14-il goal tiegħu fil-kampjonat, filwaqt li rreġistra doppjetta personali fi spazju ta’ ħames minuti.
Mosta wieġbu fit-92 minuta meta wara li rċieva minn freekcik ta’ Clayton Failla, iż-żagħżugħ Jake Vassallo, żmarkat, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu li għal ftit ma ħasditx lil Debono, bil-ballun jintemm ftit għoli.
Referee: Matthew De Gabriele
Plejer tal-Logħba: Angel Torres (Balzan FC)